Ikompli l-investiment fil-portijiet għas-sajjieda: Installati faċilitajiet tal-elettriku u l-ilma fil-port tal-Ġnejna.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaret il-port tal-Ġnejna, fejn għadu kif ġie installat pillar tad-dawl u l-ilma mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, li ser ikun qiegħed iservi ta’ faċilità importanti għas-sajjieda ta’ din iż-żona.
Il-port tal-Ġnejna jilqa’ fih 39 sajjied professjonali kif ukoll 138 sajjied fuq bażi rikreazzjonali. Filwaqt illi numru mill-ispeċi ta’ ħut li jinqabdu minn dan il-port jinżlu direttament ġewwa l-Pixkerija, ammont ieħor minn dan il-ħut jinbiegħ direttament mis-sajjieda.
Dawn il-pilastri huma parti mill-investiment ta’ nofs miljun ewro, li ġie mniedi mill-Gvern iktar kmieni din is-sena, bil-għan li jiffaċilita ħajjet is-sajjieda Maltin kollha u sabiex jipprovdi aktar aċċessibbiltà.
Is-sajjieda preżenti waqt iż-żjara spjegaw kif, sal-lum, kull darba li jkollhom bżonn iwettqu tiswijiet żgħar fuq id-dgħajjes tagħhom, kien ikollhom jinvestu f’alternattivi bħal generators. Fl-istess ħin, meta jaħslu l-ħut, dawn kien ikollhom iġorru tankijiet bl-ilma. Għaldaqstant, dawn il-faċilitajiet ġodda huma attrezzati biex jeliminaw dan il-piż finanzjarju żejjed, u huma disponibbli għas-sajjieda b’mod immedjat għall-użu ta’ kuljum.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said fakkret kif dan il-proġett huwa mifrux f’diversi portijiet u żoni madwar Malta, hekk kif il-ħidma ġewwa portijiet bħal Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, l-Għadira u l-Mellieħa tlestew, jew jinstabu fil-fażi finali tagħhom.
“Grazzi għal dan l-investiment mill-Gvern, illum is-sajjieda għandhom aċċess għad-dawl u għal-ilma f’diversi portijiet, qrib fejn iżommu d-dgħajjes tagħhom, li ser jgħinhom fid-diversi ħidmiet li jkollhom relatati mal-manutenzjoni u użu tad-dgħajsa,” saħqet Dr Bugeja Said.
Hija stqarret li dan it-tip ta’ investiment huwa importanti wkoll, għaliex is-sajjieda ser ikunu jistgħu jżommu l-freezers tagħhom mixgħulin bid-dawl, minflok jużaw il-fjuwil. Is-Segretarju Parlamentari fakkret ukoll kif il-pilastri jistgħu jintużaw primarjament mis-sajjieda reġistrati mad-Dipartiment, permezz ta’ ċippa elettronika li tiġi provduta mid-Dipartiment stess.
“Investimenti bħal dawn il-pilastri, il-winch rooms, u l-iskemi finanzjarji li qegħdin inniedu, huma konferma ta’ kemm il-Gvern jisma’ u jifhem il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tas-sajjieda tagħna, u dwar kemm huwa lest jimxi spalla ma’ spalla ma’ kull wieħed u waħda minnhom,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.