Ir-rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija huma essenzjali għall-viżjoni ta’ Malta għad-dekarbonizzazzjoni – Miriam Dalli

Il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Enerġija tiffoka fuq id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija.​
Iż-żieda fl-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-enerġija huma essenzjali għall-viżjoni ta’ Malta għal futur dekarbonizzat, filwaqt li jħarsu lill-familji u lin-negozji mill-volatilità tas-suq tal-enerġija għaż-żmien li ġej.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat ir-rabta mill-qrib li hemm bejn l-enerġija nadifa u l-effiċjenza fl-enerġija, u l-affordabbiltà u s-s-sostenibbiltà tas-settur tal-enerġija. Hija qalet dan waqt li kienet qed tindirizza l-Konferenza Nazzjonali tal-Enerġija 2023 organizzata mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) u mill-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli fl-Università ta’ Malta.
It-tieni edizzjoni ta’ din il-konferenza annwali laqqgħet flimkien esponenti tal-industrija, akkademiċi, istituzzjonijiet bankarji, entitajiet governattivi u stakeholders oħra biex flimkien jiddiskutu metodi li jistgħu jgħinu d-dekarbonizzazzjoni tas-settur industrijali.
Il-Ministru Dalli spjegat li l-industrija u d-djar f’Malta huma diġà elettrifikati, filwaqt li ċerti setturi bħat-trasport fuq l-art dejjem qed iżidu d-dipendenza fuq l-elettriku wkoll. Dan ifisser li l-ħidma biex il-pajjiż jiżgura provvista tal-elettriku aktar nadifa hija ta’ importanza kbira.
“Filwaqt li nkomplu nimbuttaw ‘il quddiem iżjed installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq l-art, nifhmu l-limitazzjonijiet ta’ spazju li għandna. Bit-tħabbira tal-policy dwar l-enerġija rinnovabbli offshore, qed nimmiraw biex nattiraw investiment sinifikanti f’dan is-settur ġdid u importanti. Din it-teknoloġija promettenti tista’ tikkumplimenta l-pannelli fotovoltajiċi biex niksbu d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija. Bħalissa qed issir Valutazzjoni Ambjentali Strateġika ta’ din il-policy biex niżguraw l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent u attivitajiet marittimi oħrajn,” qalet Miriam Dalli.
In-negozji għandhom bżonn jinvestu fl-effiċjenza wkoll. “Ħafna mill-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija jrendu lura l-ispiża tal-investiment tagħhom fi żmien qasir filwaqt li jipprovdu benefiċċji fit-tul. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jingħaqdu ma’ miżuri ta’ enerġija rinnovabbli biex iżidu l-effiċjenza tal-ispiża ta’ din it-tranżizzjoni fl-enerġija,” żiedet tgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma Manuel Sapiano spjega li permezz tal-Konferenza Nazzjonali dwar l-Enerġija u attivitajiet simili, l-aġenzija qed tiġbor tagħrif utli li jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ politika aktar infurmata.
Il-Pro-Rettur għall-Ippjanar Strateġiku u s-Sostenibbiltà tal-Università ta’ Malta, il-Professur Valerie Sollars saħqet dwar il-bżonn li l-industrija taħdem lejn il-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, speċjalment il-Mira 9 dwar l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura.
Waqt il-konferenza tkellmu wkoll il-Professur Jaquelin Cochran, id-Direttur tal-Grid Planning and Analysis Centre tan-National Renewable Energy Laboratory tal-Istati Uniti,  Nikolaos Kontinakis, mill-Energy Effiency Unit fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u Enrico Biele mill-Agenzia Nazionale per le Nuove Tecnologie, l’Energia e lo Sviluppo Economico Sostenibile (ENEA) tal-Italja.
Permezz ta’ għadd ta’ preżentazzjonijiet, kumpaniji lokali urew kif qed jaħdmu lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur. Malta Enterprise u l-Kamra tal-Kummerċ ukoll ħadu sehem f’din il-konferenza.
Fl-aħħar sessjoni tal-konferenza, il-Fakultà tal-Enerġija Sostenibbli fl-Università ta’ Malta u l-Istakeholder Support Unit fi ħdan l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma taw ħarsa lejn l-aħħar żviluppi fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tal-enerġija, b’eżempji minn setturi differenti tan-negozju.