Il-Ministru Botchewy irringrazzjat lill-Gvern Malti għad-donazzjoni ta’ aktar minn 130,000 vaċċin tal-COVID fil-pandemija.

Waqt laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Reġjonali tal-Ghana Shirley Ayokor Botchewy, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw numru ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni li permezz tagħhom se tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-kooperazzjoni se tkun qed issir fis-setturi tas-sajd, iż-żgħażagħ u anke l-isport, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Borg waqt din il-laqgħa sostna kif iż-żewġ pajjiżi jgawdu minn relazzjoni bilaterali twila u l-inawgurazzjoni tal-Kummissjoni Għolja hija xhieda ta’ dan kollu. Matul din il-laqgħa huwa kellu l-opportunità li jispjega fid-dettall, il-prijoritajiet ta’ Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. “Malta għandha l-għan li tikkontribwixxi għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà”, sostna Ian Borg.
Min-naħa tagħha l-Ministru Shirley Ayokor Botchewy qalet li din tal-lum hija ġurnata importanti li tkompli turi l-impenn taż-żewġ pajjiżi. Hija saħqet li tħares ‘il quddiem biex dawn il-ftehimiet jibdew jiġu fis-seħħ u jibbenefikaw iż-żewġ popli. Il-Ministru Botchewy irringrazzjat ukoll lill-Gvern Malti għad-donazzjoni ta’ aktar minn 130,000 vaċċin tal-COVID fil-pandemija.
Matul din iż-żjara, il-Ministru Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ministru għall-Kummerċ tal-Ghana Michael Okyere Baafi. Ian Borg spjega kif il-Ghana hija pajjiż ta’ prijorità fejn jidħol il-kummerċ għall-kumpaniji Maltin u Għawdxin tant li diġà hemm madwar 24 kumpanija li qed tesporta lejn dan il-pajjiż, b’medja ta’ €28 miljun fi prodotti.
Il-Ministru Borg kompla jgħid kif l-implimentazzjoni effettiva taż-Żona Kontinentali Afrikana ta’ Kummerċ Ħieles (afCFTA) se tkompli tkabbar l-opportunitajiet ta’ negozju, partikolarment fis-setturi tal-manifattura u l-e-commerce.
Min-naħa tiegħu l-ministru spjega u daħal fid-dettall dwar in-niċeċ ekonomiċi li l-pajjiż qiegħed jaħdem fuqhom biex ikompli jkabbar, b’mod partikolari man-negozji Maltin u Għawdxin. Huwa kompla jgħid li ż-żjara ta’ aktar minn 50 negozjant sarfet ukoll f’kollaborazzjoni aktar b’saħħitha fil-qasam tal-kummerċ.
Il-Ministru Ian Borg kellu wkoll laqgħa mal-Ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea għall-Ghana Irchad Ramiandrasoa Razaaly fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u dan il-pajjiż.
Fost laqgħat oħra, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll mas-Servizz Nazzjonali tat-Tifi tan-Nar tal-Ghana, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Lotteriji u l-Ghana Freezone Authority.​