Imħabbra prattiċi moderni tax-xogħol għas-Servizz Pubbliku

Is-Servizz Pubbliku se jsaħħaħ u jintroduċi prattiċi moderni tax-xogħol li jassiguraw sostenibbiltà, flessibbiltà u effiċjenza.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana ħabbar li, wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ uffiċjali fit-tmexxija u unions, il-prattiċi ta’ Reduced Hours, Flexitime, Flexi-week u Remote Working se jissaħħu b’mod strutturat.
Is-sistema tar-Reduced Hours ġiet emendata għal aktar flessibbiltà, b’tali mod li uffiċjali pubbliċi jistgħu japplikaw li jaħdmu sigħat imnaqqsa, mingħajr ħtieġa ta’ kriterji ta’ eleġibbiltà, fejn ix-xogħol u l-prijoritajiet jippermettu.
Se tiddaħħal il-prattika ta’ Flexitime, li permezz tagħha uffiċjali pubbliċi jistgħu jitolbu li jirranġaw il-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, sa sagħtejn qabel jew wara l-ħinijiet stabbiliti.
Is-Servizz Pubbliku se jadotta wkoll il-kunċett ta’ Flexi-Week. Permezz tiegħu, uffiċjali pubbliċi jistgħu jitolbu li jqassmu l-40 siegħa ta’ xogħol fuq erba’ jew sitt ijiem fil-ġimgħa.
Ir-Remote Working qed jiġi strutturat fejn uffiċjali pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn kwalunkwe sigħat ta’ xogħol remot fuq kriterji family-friendly. Dan se jassorbi l-arranġamenti eżistenti tat-Telework. Sa 20% tas-sigħat tax-xogħol jistgħu jintalbu li jinħadmu b’mod remot mingħajr ħtieġa ta’ eleġibbiltà.
Dan it-tibdil jidħol fis-seħħ mit-3 ta’ April 2023 b’perjodu ta’ tranżizzjoni sal-15 ta’ Ġunju 2023. Din hi l-ewwel fażi tal-proċess ta’ modernizzar tas-Servizz Pubbliku. ​
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li b’dan it-tibdil, is-Servizz Pubbliku qed jagħti lill-uffiċjal pubbliku aktar flessibbiltà b’inqas burokrazija, b’mod kontabbli, strutturat u effiċjenti. B’hekk isir aktar model employer, bl-aktar prattiċi relevanti li jwasslu għal bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol f’pajjiżna.

Modern Work Practices – Guidelines.docx