Wasal iż-żmien li kif ipproponejna f’diversi Manifesti Elettorali, proġetti ta’ żvilupp li se jħallu impatt sproporzjonat fuq ir-residenti tal-madwar għandhom ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni tal-istess residenti, ġaladarba ma nistgħux noqgħodu fuq l-awtoritajiet biex iħarsu id-drittijiet tagħna bħala ċittadini li għandna d-dritt ngħixu fil-paċi ġo djarna. Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Sandra Gauci qalet dan fi sfond ta’ l-iżvilupp li qiegħed isir fis-sit ta’ fejn qabel kien hemm il-Mistra Village fix-Xemxija.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD, il-Perit Carmel Cacopardo qal li dak li qegħdin naraw hawnhekk huwa eżempju tipiku ta’ kif l-awtoritajiet bosta drabi flok qegħdin iħarsu l-interessi tas-soċjetà u taċ-ċittadini komuni jaġevolaw aktar lil dawk li għandhom il-poter tal-flus.
Ir-residenti ta’ din iz-zona issa ilhom ix-xhur isofru minn ħsejjes u trabiijiet esaġerati f’kull ħin tal-ġurnata sforz ta’ sistema hekkimsejjħa tal-ippjanar li madankollu kontinwament tiffavorixxi lill-iżviluppatur għad-dannu taċ-ċittadin komuni. Dan qed isir f’żona fejn, fis-sajf suppost ma jsirx xogħol ta’ skavar!
Il-permess kurrenti għall-iżvilupp f’dan is-sit kien ġie imġedded fi Frar tal-2019 minkejja li sa dakinhar ma kienu saru l-ebda xogħolijiet hawnhekk. Dan minkejja li r-regoli tal-Ippjanar jeżiġu li f’dan il-każ kellu jkun hemm konsiderazzjoni mill-ġdid tal-iżvilupp fid-dawl ta’ policies ġodda li ġew fis-seħħ minn meta kien inħareġ il-permess oriġinali.
Dan kien ikkonfermat mill-Qorti ta’ l-Appell f’Mejju li ghadda, illi iddikkjarat li minkejja li l-iżviluppatur kien issottometta l-avviż tal-bidu ta’ xogħolijiet (commencement notice) dan wahdu ma kienx biżżejjed biex jissodisfa r-regoli dwar it-tiġdid ta’ permessi ta’ żvilupp.
Kienet din id-deċiżjoni tal-Qorti li wasslet għal ġenn sfrenat ta’ xogħol ta’ skavar li qiegħed jikkawża dannu kbir għas-saħħa tar-residenti għax l-iżviluppatur qed jipprova jdur mar-regoli biex il-permess jiġġeddidlu.
Lanqas qiegħed isir moniteraġġ tal-istorbju esaġerat u t-trabijiet li qegħdin jiġu ġġenerati.
Huwa każ ieħor fejn l-interessi tar-residenti qegħdin jiġu kompletamenti injorati u fejn l-iżviluppaturi qegħdin jitħallew literallment jagħmlu li jridu bil-barka tal-awtoritajiet li suppost jirregolawhom. F’każ bħal dan hu ġustifikat li ngħidu li l-awtoritajiet qegħdin hawn għalxejn, għax ma fihomx ħajt ta’ kenn għar-resident, temm jgħid Cacopardo.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD, Sandra Gauci qalet li għal darb’oħra ADPD qegħda fuq quddiem biex tħares l-interessi tar-residenti li jisfaw milquta minn proġetti bħal dawn bħalma konna mar-residenti fl-Iklin, f’Marsaskala, f’Birżebbuġa, fost ħafna lokalitajiet oħra.
Nerġgħu ninsistu li hemm bżonn ta’ moratarju immedjat fuq proġetti kbar li jipproduċu l-flats bħal pastizzi, progetti li m’hemmx bżonnhom, aktar u aktar meta nafu bin-numru ta’ residenzi battala li nsibu f’pajjiżna. Fil-fatt, f’din il-lokalità stess – San Pawl il-Baħar – għandna l-akbar numru ta’ postijiet mhux użati b’mod sħiħ f’Malta: 36.3 fil-mija tal-bini residenzjali f’San Pawl il-Baħar, skond l-ahhar Ċensiment hu vojt inkella ftit jintuża. Għaliex se jinbnew aktar appartamenti hawn meta nafu diġà li ħafna minnhom se jibqgħu battala?
Ninsistu ukoll li l-ebda xogħol ma jitwettaq f’siti li dwarhom ikun tressaq appell tal-ippjanar, sakemm l-appell jinqata’. Hemm bżonn li l-aworitatijiet verament iħarsu l-ġid komuni u li r-residenti jingħataw widen bħala parti importanti mill-proċess tal-ippjanar.
L-Awtorità tal-Ippjanar hemm bżonn li verament tagħmel dak li għalih ġiet imwaqqfa – Nagħmlu lil Malta u Għawdex post aktar pjaċevoli u mixtieq fejn wieħed jgħix (kif insibu fil-Mission and vision statement tagħha) – u tieqaf tagħti permessi bl-addoċċ mingħajr ma tanalizza fil-fond l-impatti ta’ dak li qiegħed jiġi propost.
Forsi wasal iż-żmien li kif ipproponejna f’Manifesti Elettorali diversi, proġetti ta’ żvilupp li se jħallu impatt sproporzjonat fuq ir-residenti tal-madwar għandhom ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ l-istess residenti, ġaladarba ma nistgħux noqgħodu fuq l-awtoritajiet biex iħarsu id-drittijiet tagħna bħala ċittadini li għandna d-dritt ngħixu fil-paċi ġo djarna, temmet tgħid Gauci.