“Irridu niżguraw li r-relazzjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti jibqgħu robusti, ambizzjużi u ta’ benefiċċju reċiproku” – Il-Ministru Ian Borg

“Irridu niżguraw li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mal-Istati Uniti jibqgħu robusti, ambizzjużi u ta’ benefiċċju reċiproku għaż-żewġ kontinenti. Malta tilqa’ dan l-impenn ta’ tiġdid u tqis li huwa importanti li titkompla l-ħidma għal aktar kooperazzjoni transatlantika”, sostna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin relatata mal-kummerċ fi Brussell.
Il-Ministru Borg sostna li huwa essenzjali li jiffukaw il-ħidma tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta’ dak maqbul fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija ta’ mal-Istati Uniti. Hemm bżonn ukoll li naraw riżultati b’mod partikolari fis-secure supply chains, fosthom fis-settur tas-semikondutturi, is-supply chains fis-setturi diġitali, u l-SMEs.
“Malta hija favur it-tisħiħ tan-network tal-kummerċ ħieles tal-UE, it-titjib tal-aċċess għas-suq u l-ħolqien ta’ potenzjal għat-tkabbir u impjiegi ġodda. L-UE trid turi lid-dinja li hija miftuħa għan-negozju u għalhekk il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE issa huma aktar importanti minn qatt qabel.” Hekk sostna l-Ministru Borg filwaqt li ħeġġeġ għall-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali pendenti tal-UE maċ-Ċili, il-Messiku u l-Mercosur u biex tkompli l-ħidma fuq il-ftehim mal-Awstralja. Hu żied jgħid li FTA mal-Indja għandu wkoll potenzjal sinifikanti.
Waqt id-diskussjoni relatata mal-Ukrajna, il-Ministru Borg qal li huwa kruċjali li tkompli tiġi żgurata l-esportazzjoni ta’ prodotti kritiċi, inklużi qmuħ u fjuwils lejn l-UE u lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jeħtieġu li dawn il-prodotti jkunu garantiti.
Il-Ministru Borg tenna kif Malta tibqa’ impenjata għal rispons koordinat għall-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-isforzi tal-UE biex tappoġġa s-sostenibbiltà ekonomika tal-Ukrajna, inkluż permezz tal-politika kummerċjali tagħna.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Borg esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-impenn u lir-rwol ta’ tmexxija tal-UE fir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). WTO b’saħħitha hija essenzjali għal sistema kummerċjali effettiva bbażata fuq regoli multilaterali.