Rappreżentant Speċjali tal-President tar-Repubblika tal-Korea għal laqgħat f’Malta

Waqt żjara uffiċjali f’Malta, ir-Rappreżentant Speċjali tal-President tar-Repubblika tal-Korea Jong-hoon Kim iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sabiex jiddiskuti miegħu l-kandidatura tal-Korea għall-EXPO tal-2030 f’Busan.
F’laqgħa fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, is-Sur Jong-hoon Kim spjega għalfejn il-Korea qed tersaq ‘il quddiem sabiex tilqa’ din il-fiera dinjija fl-2030. Ir-rappreżentant Korean stqarr li Malta u l-Korea dejjem kellhom relazzjonijiet diplomatiċi b’saħħithom u jħares ‘il quddiem li dawn ikomplu jitjiebu. Huwa sostna li bħala parti mill-kandidatura tagħha, ir-Repubblika tal-Korea se tkun qed tiffoka ħafna fuq l-użu tat-teknoloġija u l-inklussività li din tista’ ġġib magħha.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg tenna li Malta temmen bis-sħiħ f’din it-tip ta’ fiera għaliex hija mezz importanti u essenzjali sabiex turi x’joffri pajjiżek. Huwa fakkar kif Malta ftit tax-xhur ilu pparteċipat fl-EXPO ta’ Dubai u tħares ‘il quddiem biex fl-2025 tipparteċipa fl-edizzjoni ta’ Osaka fil-Ġappun.
Dr Borg awgura kull suċċess lis-Sur Jong-hoon Kim għal din il-kandidatura u spjega kif Malta se tkun qed tevalwa l-proposti kollha biex imbagħad tieħu deċiżjoni finali.​