“Għawdex hija ġawhra fraġli li qed ikollha tissielet ma’ pressjonijiet minn bosta naħat” – il-President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-ħarsien xieraq tal-ambjent, politika mifruxa u b’polz soċjali b’saħħtu huma ingredjenti kruċjali biex bis-sħiħ inħarsu l-identità ta’ Għawdex u s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-Għawdxin.
“Għawdex hija ġawhra fraġli, li qed ikollha ti​ssielet ma’ pressjonijiet minn bosta naħat”, qal il-president waqt li kien qed jindirizza ċ-ċerimonja annwali tal-Għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex, organizzata miċ-Circolo Gozitano. Huwa rrifletta fuq il-mod kif qed isir l-iżvilupp f’Għawdex u staqsa: “Kif tista’ familja tgawdi ħajja xierqa meta l-ambjent naturali qed jiġi mhedded? Kif jistgħu ż-żgħażagħ Maltin ikomplu jgħożżu l-patrimonju nazzjonali ta’ pajjiżhom meta dan qed jinbidel b’dan il-mod hekk drastiku?”
Il-kelma ‘ġieħ’, qal il-president, ma tista’ qatt tiġi mifruda mill-kliem ‘dinjità u rispett’. Saħaq li flimkien irridu naħdmu biex nibżgħu għal dak li qed jagħmlilna ġieħ bħala poplu, nagħtuh il-valur li jistħoqqlu, u nipproteġuh mit-tħassir li jġibu magħhom l-ispekulazzjoni, il-ġirja għamja għall-qligħ, u n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-kontribut kbir li ambjent san u sabiħ iħalli lill-kwalità tal-ħajja tagħna l-bnedmin. “Tajjeb li nilħqu qċaċet għoljin fil-kultura u fil-kummerċ, imma dan kollu jintilef jekk l-ambjent tal-madwar ma jżejjinx dan kollu”, saħaq il-president.
Din is-sena l-Premju Ġieħ Għawdex ingħata lis-Sur Chris Galea u lill-Professur Maria Frendo b’apprezzament għall-ħidma tagħhom fi ħdan il-komunità matul is-snin. Il-president radd ħajr lis-Sur Galea għall-impenn tiegħu favur il-ħajja, u favur ħajja dinjituża għal kulħadd b’mod partikolari għall-anzjani u l-morda. Irringrazzja wkoll lill-Professur Frendo għall-karriera twila tagħha fl-oqsma tal-mużika u l-letteratura, flimkien mar-riċerka u mal-impenn tagħha biex fuq bażi volontarja tagħti kontribut għall-kalendarju artistiku Għawdxi. Waqt li feraħ lir-rebbieħa ta’ din is-sena, il-President Vella awgura li nħarsu l-identità tal-gżejjer tagħna b’dover mhux biss għal dawk li ġejjin warajna, iżda wkoll b’sens ta’ rispett għal dawk li qabilna ssagrifikaw tant biex il-gżejjer ta’ Għawdex u ta’ Malta jkunu verament ġawhra fil-Mediterran.
Qabel iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella attendew għal quddiesa pontifikali solenni ċċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma fil-Katidral ta’ Għawdex. Il-president poġġa kuruna tal-fjuri mal-mafkar tal-Arċipriet Saverio Cassar.