Regoli ġodda tal-UE għad-difiża tal-ilħna kritiċi mill-intimidazzjoni ġudizzjarja.

  • Protezzjoni tal-UE kontra kawżi abbużivi transfruntiera
  • Kawżi infondati jiġu miċħuda kmieni u l-konvenut jiġi protett finanzjarjament
  • Restrizzjoni tal-forum-shopping u titjib tal-aċċess għall-informazzjoni għall-vittmi
Nhar it-Tlieta, il-MPE ikkonfermaw li huma determinati jipproteġu lill-ġurnalisti, attivisti, akkademiċi u lill-organizzazzjonijiet tagħhom minn kawżi abbużivi intiżi li jsikktuhom.
Il-Parlament Ewropew approva b’x voti favur, y kontra u z astensjonijiet liġi ġdida, maqbula mal-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2023, biex tiżgura li l-individwi u l-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku bħad-drittijiet fundamentali, l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, il-protezzjoni tad-demokrazija jew il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jingħataw protezzjoni tal-UE kontra kawżi infondati u abbużivi. Il-protezzjoni se tapplika għall-każijiet transfruntiera kollha ħlief meta kemm il-konvenut kif ukoll ir-rikorrent ikunu mill-istess pajjiż tal-UE bħall-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża jew meta l-każ ikun rilevanti biss għal Stat Membru wieħed.
Salvagwardji finanzjarji dissważivi
Il-Membri tal-PE żguraw li l-vittmi jkunu protetti b’mod aktar robust bl-introduzzjoni ta’ żewġ salvagwardji – ċaħda bikrija jekk il-każ ma jkunx fondat, u l-possibbiltà li r-rikorrent jintalab iħallas l-ispejjeż stmati tal-proċedimenti, inkluża r-rappreżentanza legali tal-konvenut, u d-danni. Jekk il-konvenut jitlob ċaħda bikrija, ikun f’idejn ir-rikorrent li jagħti prova li hemm raġunijiet biex il-proċedimenti jkomplu. Il-qorti tista’ timponi wkoll penali oħra fuq ir-rikorrenti, li spiss ikunu politiċi, korporazzjonijiet jew gruppi ta’ lobbying, bħal pereżempju tordnalhom iħallsu kumpens għad-danni.
Rimedji għal każijiet mhux tal-UE u aċċess għall-informazzjoni
Sabiex tiġi evitata għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni, jew “forum shopping”, jiġifieri meta r-rikorrent jagħżel il-ġuriżdizzjoni fejn iċ-ċansijiet tiegħu li jingħata r-raġun ikunu l-ogħla, ir-regoli l-ġodda jiżguraw li s-sentenzi ta’ pajjiżi terzi fi proċedimenti infondati jew abbużivi kontra individwi jew istituzzjonijiet mill-UE ma jiġux rikonoxxuti.
Il-gvernijiet tal-UE se jiżguraw ukoll li l-vittmi potenzjali ta’ kawżi abbużivi jkunu jistgħu jaċċessaw f’post wieħed l-informazzjoni dwar is-salvagwardji u r-rimedji proċedurali, inklużi l-għajnuna legali kif ukoll l-appoġġ finanzjarju u psikoloġiku. L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li fi proċedimenti ċivili transfruntiera tingħata l-għajnuna legali. Huma se jkunu meħtieġa wkoll jippubblikaw is-sentenzi finali kollha fil-kawżi SLAPP (kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika) u jiġbru data dettaljata dwarhom.
Kwotazzjoni
Wara l-votazzjoni fil-plenarja, il-Membru ewlieni tal-PE Tiemo Wölken (S&D, il-Ġermanja) qal: “Il-kawżi SLAPP huma theddida għall-istat tad-dritt u jimminaw serjament id-drittijiet fundamentali għal-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-assoċjazzjoni. Dawn huma forma ta’ fastidju ġuridiku u abbuż tas-sistema ġudizzjarja, li qed jintużaw dejjem aktar minn individwi u organizzazzjonijiet potenti biex jevitaw l-iskrutinju pubbliku. Il-qrati tagħna m’għandhomx jiġu abbużati b’dan il-mod għal gwadann personali. Din id-direttiva se tgħin fil-ġlieda kontra s-SLAPPs, billi se twaqqaf lin-nies milli jużaw il-qrati biex jintimidaw u jiskoraġġixxu lill-ġurnalisti u lill-attivisti milli jippubblikaw informazzjoni u jinfurzaw speċi ta’ awtoċensura.”
Il-passi li jmiss
Id-direttiva se tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. L-Istati Membri mbagħad se jkollhom sentejn biex jittrasponu r-regoli fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.
Sfond
Fid-dawl tal-għadd dejjem jikber ta’ SLAPPs fl-UE, f’riżoluzzjoni tal-2021 il-Membri tal-PE pproponew miżuri biex il-ġurnalisti, il-mezzi tal-media u l-attivisti jiġu protetti minn fastidju ġuridiku.
Bl-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-Membri tal-PE qegħdin iwieġbu għall-proposti taċ-ċittadini inklużi fil-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda (proposta 23 (5)), dwar l-iżvilupp ta’ politika aktar effettiva u unifikata lejn reġimi awtokratiċi u ibridi kif ukoll l-iżvilupp ta’ sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (24 (8)), dwar l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tindirizza t-theddid għall-indipendenza tal-media (27 (1)) u dwar l-infurzar strett tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fis-settur tal-media (27 (2)).
Il-konferenza stampa indirizzata mir-rapporteur se ssir nhar it-Tlieta, is-27 ta’ Frar fit-3pm (CET).