Applikazzjonijiet għall-Blue Badge issa jistgħu jsiru online

Aktar minn 1,800 applikazzjoni għall-Blue Badge intlaqgħu minn Aġenzija Sapport minn Jannar 2023, b’aktar minn 1,270 dokument ġie maħruġ mill-Aġenzija mill-bidu tas-sena ‘l hawn. Dan is-servizz ilu jitħaddem minn Aġenzija Sapport minn Marzu tal-2022 u minn dak iż-żmien intlaqgħu aktar minn 5,600 applikazzjoni.
Dan is-servizz issa qed jiġi offrut ukoll b’mod elettroniku permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni online li tilqa’ wkoll il-pagament u d-dokumenti neċessarji li wieħed ikollu bżonn jissottometti sabiex tiġi proċessata l-applikazzjoni. Dan sabiex tkompli tiżdied l-aċċessibilità għas-servizzi li toffri l-Aġenzija u l-mixja lejn ħolqien ta’ servizzi diġitali.
Il-Blue Badge hu dokument legali li bih wieħed jista’ jipparkja l-vettura li qed jivvjaġġa fiha f’postijiet ta’ parkeġġi riservati għal persuni b’diżabilità.
Waqt żjara fil-Head Office ta’ Aġenzija Sapport f’Santa Venera, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli ltaqgħet mat-tim li jħaddem dan is-servizz u segwiet il-proċess ta’ dawn l-applikazzjonijiet.
Matul iż-żjara, il-ministru ltaqgħet ukoll ma’ membri mill-management tal-Aġenzija, professjonisti u ħaddiema oħra ta’ diversi servizzi bbażati f’din il-binja, inkluż is-servizzi fil-komunità, Sharing Lives, il-Programm Way to Work, it-timijiet tal-Ħaddiema Soċjali u Occupational Therapists, it-tim tal-Independent Community Living, il-Family Support Unit, kif ukoll l-uffiċjali li jmexxu l-Helpline tal-Aġenzija.
Matul iż-żjara, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna spjega kif il-Head Office, minbarra li hu l-bażi uffiċjali tal-Aġenzija fost binjiet oħra, iservi wkoll ta’ punt ċentrali ta’ referenza fil-qalba tal-komunità għall-pubbliku meta jkun jixtieq jissottometti formoli u dokumenti, isaqsi dwar servizzi li toffri l-Aġenzija, jattendi appuntamenti ma’ professjonisti inkluż ħaddiema soċjali u anke l-Bord mediku abbinat mal-applikazzjoni tal-Blue Badge.
L-applikazzjoni għall-Blue Badge hi disponibbli mis-sit www.sapport.gov.mt jew mill-uffiċċji tal-Aġenzija Sapport (Malta u Għawdex). Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq il-Helpline tal-Aġenzija, Freephone 153.