Bil-Filmat-ADPD-Il-mobilità sostenibbli u s-sigurtà ta’ persuni vulnerabbli jitjiebu b’investiment fl-infrastuttura.

L-e-scooters huma meħtieġa għax iservu b’mod prattiku biex jiffaċilitaw il-mobilità sostenibbli. Hu fatt li f’numru ta’ ċirkustanzi dawn qed joħolqu inkonvenjent, primarjament riżultat ta’ nuqqas ta’ infrastruttura addattata imma ukoll riżultat ta’ nuqqas ta’ kultura ta’ infurzar. Dan kien il-messaġġ li għaddew kelliema ta’ ADPD – The Green Party f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mobilità sostenibbli quddiem il-Ministeru tat-Trasport dalgħodu.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD Sandra Gauci qalet li hu żball li minflok ma nfittxu s-soluzzjonijiet għall-mobilità sostenibbli nċedu l-armi. Id-dikjarazzjoni tal-Ministru tat-Trasport li l-e-scooters għal kiri mhux se jitħallew joperaw aktar minn Marzu tas-sena d-dieħla hi deċiżjoni mgħaġġla li teħtieġ li tkun reveduta.
In-nies m’għandhomx ikunu limitati fl-għażliet tagħhom u mġiegħla jużaw aktar il-karozzi. Hu fatt li minn meta l-e-scooters ġew introdotti f’Awwissu 2019, fis-sajf tal-2022 intużaw għal mal-15,000 vjaġġ. Immaġinaw kieku dawn il-persuni komplew iżidu mal-iffullar fuq tal-linja jew inkella użaw karozza. Issa dawn in-nies x’se jużaw? Aktar karozzi?, staqsiet Gauci.
Il-problema f’Malta hija li m’hawnx bicycle lanes sura. Problema oħra hija li l-veloċità tal-karozzi tagħmel it-toroq perokolużi. Lanqas m’għandna karreġġjati apposta riservati għal tal-linja, kif jesiġi t-Transport Master Plan tal-gvern stess. Jidhrilna li lanqas m’hemm ir-rieda politika mill-gvern li jkollna investiment f’toroq li jagħtu verament serħan il-moħħ lin-nies, fosthom żgħażagħ, li jistgħu u jridu jużaw mezzi nodfa u alternattivi ta’ transport. Toroq sikuri għandha tkun prijorità.
Il-gvern għandu jimbotta lejn alternattivi li jaqdu l-ħtiġijiet tan-nies, permezz ta’ sistema ta’ liċenzjar ta’ numru limitat ta’ kumpaniji li jixtiequ joffru servizz ta’ kiri ta’ e-scooters u anke roti, u jiżgura sistema ta’ infurzar effettiva fit-toroq, primarjament fuq l-użu traskurat u perikoluż tal-karozzi – li huma l-vera problema f’pajjiżna għax jokkupaw kull ċentimetru tat-toroq għas-skapitu ta’ kull mezz ieħor ta’ trasport aktar sostenibbli.
Għandna nipproteġu fuq kollox lil min huwa vulnerabbli. Huwa b’investiment f’toroq li jaqdu l-ħtiġijiet ta’ mobilità sostenibbli li l-inkonvenjent lin-nies minħabba użu ħażin tal-bankini jiġi indirizzat. Dan iseħħ l-ewwelnett b’bankini sura, li ma jkunux ikkapparrati minn mwejjed u siġġijiet, kif ukoll b’aktar spazju fit-toroq għal pedestrians, u persuni b’diffikultà fil-mobilità tagħhom, inkluż persuni li jużaw wheelchairs u min ikollu tfal fil-prams. Dawn in-nies ħaqqhom ukoll kunsiderazzjoni fil-politika tal-mobilità, temmet tgħid Gauci.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD Ralph Cassar qal li “Ir-realtà hi li l-gvern qed jagħmel bil-kontra ta’ dak li qed isir f’ħafna bliet u lokalitajiet fl-Ewropa. Li hemm bżonn huma regolamentazzjoni li tagħmel sens, tenders u permessi għal servizzi ta’ ‘shared mobility’ b’kundizzjonijiet ċari għall-operaturi, u infrastruttura adegwata għal mezzi ta’ transport alternattivi, kemm dawk provduti minn operaturi, kif ukoll dawk personali (e-scooters, roti u pedelecs). L-operaturi għandhom jagħmlu wkoll il-parti tagħhom biex ikunu jistgħu joperaw. Illum hemm mezzi teknoloġiċi kif min jagħmel użu ħażin ta’ servizz ta’ ‘shared mobility’ jista’ jiġi eskluż milli juża s-servizz.
Cassar qal li l-pożizzjoni tal-ADPD hija waħda ċara: L-għan għandu jkun li l-ispazji pubbliċi m’għandhomx jiġu kapparrati mill-karozzi, iċda aktar u aktar spazju għandu jingħata lil mezzi ta’ transport aktar nodfa u li jagħmlu ħafna anqas ħsara lil saħħitna, filwaqt li jużaw ferm anqas spazju fit-toroq. Irridu toroq aktar sikuri, clampdown fuq sewqan perikoluż u anke pieni ta’ teħid tal-liċenzji permanenti tas-sewqan lil min jikkawża inċidenti minħabba veloċità eċċessiva, traskuraġni u negliġenza. Kull min juża mezzi ta’ trasport, huma x’inhuma b’mod traskurat għandu jerfa’ r-responsabilità tat-traskuraġni tiegħu. Il-populiżmu rħis inħalluh għal ħaddieħor.
Cassar fakkar fi proposta konkreta li l-ADPD għamel snin ilu bħala bidu effettiv ta’ mixja lejn mobilità sostenibbli f’żoni ċentrali tal-pajjiż hija dik ta’ rotot sikuri għar-roti, pedelecs u e-scooters, per eżempju li jgħaqqdu lokalitajiet viċin il-Belt, li jgħaqqdu lokalitajiet viċin istitutozzjonijiet edukattivi bħall-Università, l-Higher Secondary, u l-MCAST, u li jgħaqqdu lokalitajiet ġirien bħal Marsaskala, Ħaż-Żabbar, Marsaxlokk u Birżebbuġa. Hemm bżonn nibdew minn x’imkien, immedjatament.
Minbarra toroq prinċipali fejn neċessarjament ikollok rotot segregati, huwa importanti li toroq oħra, b’interventi fid-disinn tagħhom, veloċitajiet massimi baxxi u infurzar effettiv jsiru verament sikuri għall-użu tal-pedestrians u ta’ mezzi alternattivi u nodfa ta’ transport. Interventi oħra li ilna nitolbu huwa programm estensiv ta’ pedestrijanizazzjoni fil-pjazzez tal-irħula u l-ibliet tagħna. It-toroq għandhom jingħataw lura lin-nies, mhux invażati karozzi u tniġġis, temm jgħid Cassar.