Imnedija White Paper dwar riforma fl-Att dwar il-Condominia.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru Jonathan Attard ippubblikaw White Paper għal konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fl-Att dwar il-Condominia. F’din il-white paper qed jiġu preżentati numru ta’ proposti u osservazzjonijiet biex jissaħħaħ il-qafas leġiżlattiv li jirregola il-Condominia.
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li meta lura fl-2001 kien iddaħħal fis-seħħ l-Att dwar il-Condominia, ir-realtà urbanistika ta’ pajjiżna kienet differenti minn tal-lum. Huwa nnota li filwaqt li attwalment din il-liġi saret aktar importanti għax aktar nies qed jgħixu f’kondominji minn qabel, matul is-snin id-diskussjoni biex tiġi aġġornata kienet waħda kontinwa.
Huwa semma li wara li kienet saret konsultazzjoni pubblika fl-2021, inħass il-bżonn li issa ssir analiżi legali biex jiġu introdotti prinċipji legali u jiġi mfassal abbozz ta’ liġi ġdid. Il-ministru qal li dan l-abbozz għandu jwassal għall-Att dwar il-Condominia ġdid li jirrispekja aħjar dak li għandu bżonn pajjiżna.
“Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li trid tiġi indirizzata hija kif se nkunu qegħdin inħarsu lejn il-kondominju, jekk hux sempliċiment ġabra ta’ proprjetajiet li għandhom partijiet komuni jew inkella kif qed jiġi ssuġġerit li jkollu personalità ġuridika jiġifieri li jitqies bħala persuna għall-finijiet ta’ liġi,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi, filwaqt li enfasizza wkoll, fost oħrajn, dwar il-ħtieġa li jkun hemm standards dwar kif jitħaddmu u jitmexxew dawn il-condominia u fuq il-ħtieġa li jirregolaw min joffri s-servizzi ta’ amministratur biex jgħollu l-kwalità tas-servizz.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq li, “B’dak li qed inniedu illum, qed nipprovdu ċertezza legali f’qasam tant sensittiv. Dan billi qed nipproponu l-introduzzjoni ta’ definizzjonijiet ġodda, ta’ key players li ser jaħdmu fis-settur u fuq kollox f’każ ta’ kunflitt, rimedju legali fejn wieħed jista’ jmur u jsolvi konflitt b’mod effiċjenti.”
Il-Ministru Attard ta sfond ta’ numru ta’ kunċetti li qed ikunu proposti inkluża l-introduzzjoni ta’ regolatur li fost l-oħrajn jirregola l-amministraturi, ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ metodi alternattivi bħal medjazzjoni jew arbitraġġ, l-użu diġitali fis-smigħ ta’ kunflitti u laqgħat bejn il-condominia, u provvedimenti relatati mal-kopertura ta’ assigurazzjoni tal-blokok u l-introduzzjoni tal-personalità ġuridika tal-komun. “Dawn il-kunċetti huma kollha intiżi biex il-liġi tiġi attrezzata bil-kjarifiki u linji gwida skont in-neċessitajiet tal-lum,” temm jgħid il-Ministru Attard.
Il-White Paper tista’ tinkiseb minn hawn. Is-sottomissjonijiet mill-pubbliku jistgħu jintbagħtu hawn sa nhar l-Erbgħa 6 ta’ Diċembru 2023.

NOTA:

Il-bidliet leġiżlattivi ewlenin li l-gvern qed jipproponi fl-Att dwar il-Condominia huma:

  1. It-twaqqif  ta’ regolatur tal-kondominji li jħares l-istandards meħtieġa li jidħlu fis-seħħ fis-settur u li dawn jkomplu jiġu żviluppati kontinwament fl-interess tar-resident u min jamministra l-kondominji.
  2. It-twaqqif ta’ tribunal ġdid għall-Affarijiet tal-Condominium li jkun magħmul minn professjonisti legali u tekniċi biex jiġi żgurat li l-proċeduri u r-rimedji jkunu prattikabbli speċjalment f’każijiet ta’ tilwim bejn il-kondomini, l-amministratur u partijiet terzi.
  3. Twaqqif ta’ personalità ġuridika sabiex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda tfixkil iżda kontinwità (pereżempju l-kont bankarju tal-condominium ma jkunx jeħtieġ li jingħalaq kull darba li jkun hemm bidla ta’ amministratur).
  4. L-emendi se jiżguraw li individwu u/jew fornitur ta’ servizzi korporattivi professjonali jkunu kompetenti biex iwettqu l-funzjonijiet ta’ Amministratur u ma jkollhom l-ebda każijiet legali u/jew kriminali li jxekkluhom milli jwettqu r-rwol tagħhom.
  5. Il-kopertura permezz ta’ Assigurazzjoni Professjonali għall-Amministraturi u assigurazzjoni tal-proprjetà għall-partijiet komuni se ssir obbligatorja.​