“Budget li ma jħarisx fit-tul”-ADPD

Minkejja li l-Budget li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn, fih numru ta’ miżuri pożittivi, intilfet opportunità unika għax jonqos milli jħares fit-tul u jfassal it-tibdiliet neċessarji li huma meħtiega biex jindirizza l-isfidi li hemm wara l-bieb.  Il-Budget jonqos milli joffri viżjoni li biha jindirizza l-impatti dejjem jiżdiedu mit-tibdil fil-klima. Min-naħa l-oħra, s-soluzzjoni offruta biex tindirizza ż-żieda għall-għoli tal-ħajja hija waħda fjakka li tinjora l-problema reali. Dawn qaluh il-kelliema ta’ ADPD – The Green Party meta indirizzaw konferenza stampa quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta dalgħodu.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Sandra Gauci qalet li il-Gvern għal darboħra għażel li jaddotta politika skaduta li żżomm dipendenza fuq pagi baxxi u għotjiet ta’ benefiċċji mingħajr ma jindirizza l-problema ewlenija. Minflok ma jkun aġġornat il-mod kif hija maħduma kemm il-paga minima kif ukoll iż-żieda għall-għoli tal-ħajja b’mod permanenti, inħoloq benefiċċju speċjali kif persuni vulnerabbli jiġu mgħejuna.
“Madankollu, dan mhux se jwassal biex jindirizza id-diskrepanza li studji tal-Caritas ripetutament urew li hemm bejn il-paga minima u dak meħtieġ biex wieħed ikollu livell ta’ għajxien diċenti (living wage). Ta’ min isemmi ukoll li l-benefiċċji soċjali huma ukoll marbutin mal-paga minima. Għalhekk hemm bżonn li tiġi indirizzata il-problema minn għeruqha – billi jinbidel il-baskett ta’ oġġetti u servizzi li fuqu titkejjel  l-għoli tal-ħajja u li dan jiġi aġġornat regolarment.
Huwa b’dan il-mod li dawk vulnerabbli ma jkunux jiddependu mill-benevolenza tal-Gvern: jieħdu dak li hu dovut lilhom bi dritt u mhux riżultat ta’ deċiżjoni politika. Żmien li wieħed joqgħod jistenna l-Budget ħalli jara x’manna se taqa’ mis-sema ilu li spiċċa. Irridu drittijiet mhux pjaċiri. Wieħed jistenna li minn Gvern li jiddeskrivi ruħu bħala wieħed li għandu ruħ soċjali, dan jara li l-pagi, il-pensjonijiet u servizzi soċjali jkunu tali li joffru livell diċenti ta’ għajxien għal kulħadd mingħajr il-ħtiega li jiddependu fuq xi benefiċċju speċjali,” temmet tgħid Gauci.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, il-Perit Carmel Cacopardo semma’ kif id-diskors tal-Budget jonqos milli jitkellem dwar il-klima u l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-ekonomija tal-pajjiż.  Uħud minn dawn l-impatti diġà qegħdin magħna u oħrajn għad iridu jiġu.
Bħala pajjiż gżira qegħdin niffaċċjaw u għad irridu niffaċċjaw impatti mhux żgħar riżultat tat-tibdil fil-klima. Is-skiet kważi komplet tal-Budget dwar il-klima hu inkwetanti għax ifisser li l-Ministru tal-Finanzi għadu ma jħossx l-importanza enormi tal-materja. Ma hemm l-ebda ħjiel fil-Budget tat-tħejjija li hemm ippjanata biex nilqgħu għall-impatti ekonomiċi tal-bidla fil-klima.
Minkejja li fis-snin passati ntefqu miljuni kbar kontra l-għargħar, kull meta jkollna maltempata it-toroq tagħna għadhom jegħrqu. Tkellimna diversi drabi dwar in-nuqqasijiet gravi kemm fl-infrastruttura tal-pajjiż kif ukoll fil-bini eżistenti li ma fihx bjar għall-ġbir tal-ilma tax-xita u l-inkompetenza tal-awtoritajiet li urew bil-provi li jiġu jaqgħu u jqumu, għax ma jimpurtahomx. Il-Budget hu sieket dwar dan kollu.
Hemm nuqqas ta’ viżjoni fit-tul dwar l-impatti tal-klima fuq il-pajjiż u in partikolari kif din tolqot kemm l-infrastruttura marittima kif ukoll dik kostali. Ħadd ma jaf meta ser  jibda jinħass l-impatt ta’ żieda fil-livell tal-baħar. Huwa għalhekk li hu meħtieg li nippjanaw għalih b’urgenza. Anke dwar dan il-Budget hu sieket.
Apparti l-infrastruttura marittima innifisha, l-infrastruttura turistika hi kollha mal-kosta, il-parti l-kbira tagħha f’livell tal-baħar u li allura tkun affettwata sostanzjalment bi kwalunkwe tibdil fil-livell tal-baħar. Hemm ukoll diversi zoni residenzjali fil-livell tal-baħar. Is-skiet fid-diskors tal-Budget dwar dan kollu jfisser li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan dwar dan. Dan hu inkwetanti għax il-pajjiż ma jiflaħx daqqiet iktar milli diġà qala’.
Huwa inkwetanti ukoll li l-Budget irid jinvolvi s-settur privat fi proġetti ambjentali. Il-Budget jitkellem dwar involviment tas-settur privat biex ikunu iffinanzjati dawn it-tip ta’ proġetti. Din hi bozza ħamra li għandha tinkwieta lil kulħadd għax tfisser li l-qerda ambjentali li rajna s’issa ser tkompli tinfirex.
Bla dubju dan huwa Budget niexef mill-ideat dwar il-ħidma meħtiega fil-qasam ambjentali. Lanqas ma jrid jiddistakka ruħu minn ekonomija ibbazata fuq pagi baxxi, b’paga minima li biha ma tistax tgħix. Għalhekk huwa Budget ta’ Gvern li għadu jemmen fid-dipendenza tal-individwi fuq il-benevolenza tal-Gvern. Huwa Budget li ma jħarisx fit-tul billi ma ressaqx pjanijiet kif dawk il-problemi kemm ambjentali u soċjali jiġu indirizzati illum biex ikun hemm kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd b’użu aħjar tar-riżorsi limitati ta’ pajjiżna, temm jgħid Cacopardo.