Arnold Cassola jibgħat ittra lill Ombudsman sabiex issir investigazzjoni.
“Għażiż Ombudsman Mifsud,
Qiegħed nitlob investigazzjoni dwar il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa’ u L-Media Officer tal-Pulizija, Brandon Pisani.
Dawn kienu fil-pussess ta’ mandat Ewropew ta’ arrest f-konfront ta’ Iosif Galea maħruġ mill-Ġermanja, għal aktar minn sena.
Minkejja dan, ma ħadu l-ebda azzjoni u ma arrestawħx. Mhux talli hekk, talli ħalluh jivvjaġġa barra minn Malta għal bosta drabi.
Aktar gravi, meta Iosif Galea ġie arrestat fi Brindisi, l-Italja fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Mejju 2022 fuq il-mandat Ġermaniz, Gafa’ u Pisani żammu l-aħbar mistura mill-poplu Malti.
Imbagħad, lagħbu logħba maħmuġa.
Meta kienu jafu li Galea kien ġa taħt arrest l-Italja,ħargu mandat ta’ arrest Malti għal Galea, biex jagħtu l-impressjoni li Galea gie arrestat minħabba l-mandat post-arrest tagħhom. Huma nqdew b’ ġurnalist bona fide Malti biex ħarġu l-aħbar tal-mandat ta’ arrest Malti fażull fis-27 ta’ Mejju.
Bħala cittadini, hija dovuta lilna tmexxija tal-pulizija li tipproteġina u mhux li tqarraq bina.
Għalhekk qiegħed nitolbok tistħarreġ:
1. Għaliex il-pulizija Maltija ma arrestatx lil Galea għal sena sħiħa.
2. Min ta l-ordni li huwa jibqa’ liberu.
3. Min ta l-ordni biex Galea ma jitwaqqafx milli jsiefer.
4. Jekk Gafa’ kellux pressjoni politika biex ma titteħidx azzjoni kontra Galea.
5. Għaliex Gafa’ u Pisani żammu mistura l-aħbar tal-arrest fl-Italja.
6. Għaliex Gafa’ ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew minn Malta aktar minn ġimgħa wara li Galea kien ġa arrestat.
7. Jekk Gafa’ kellux pressjoni politika biex jagħmel dan.
Sur Ombudsman, din hija sitwazzjoni serja. Malta għandha bzonn korp tal-pulizija li jipproteġi liċ -ċittadin kontra d-delinkwenti, u mhux viċe-versa.
Nitolbok, bħala tarka onesta taċ-ċittadin, ma tinjorax din it-talba tiegħi.