Niddefendu l-valur ta’ kull vot-ADPD

Niddefendu l-valur ta’ kull vot -ADPD

 

“F’demokrazija b’saħħita, kull vot jgħodd u l-ebda vot ma jiswa iktar minn vot ieħor. Sfortunatament dan mhux il-kaz f’Malta! Niddefendu l-valur ta’ kull vot.” Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ ADPD – The Green Party quddiem il-Qorti l-Belt Valletta wara li flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-partit Dr Ralph Cassar ippreżenta kawża kostituzzjonali dwar ir-riżultat elettorali li ġie ppubblikat f’dawn il-ġranet. Huwa kompla hekk:

“Il-partit ilu żmien jilmenta li l-leġiżlazzjoni elettorali hi diskriminatorja fil-konfront tiegħu u dan minħabba li tagħti piż u valur lill-voti mitfugħa favur iż-żewġ partiti li qegħdin fil-Parlament imma tiskarta kompletament il-voti li jkunu mitfugħa favur partiti oħra.
Dan hu riżultat ta’ żewġ miżuri speċifiċi: waħda dwar il-proporzjonalità u l-oħra dwar il-bilanċ tal-ġeneru. It-tnejn jiffavorixxu lill-PLPN u huma diskriminatorji fil-konfront tagħna, it-tielet partit, u kontra oħrajn. Id-diskriminazzjoni li qed niffaċċjaw hi parti integrali mil-liġi elettorali.
Kmieni waranofsinnhar tat-Tnejn 28 ta’ Marzu 2022 kien imħabbar li r-riżultat elettorali kien aġġustat billi mal-lista tal-membri parlamentari eletti żdiedu tnejn oħra mil-lista elettorali ippreżentata mill-PN. Din iż-żieda saret biex ikun hemm aġġustament għall-proporzjonalità bejn il-voti miksuba mill-partiti parlamentari fl-ewwel għadd tal-voti u s-siġġijiet parlamentari miksuba.
Meta sar dan ġew injorati l-voti miksuba mill-partit ADPD fl-ewwel għadd tal-voti, liema voti kienu jammonta għal 4747, ammont li hu ikbar mill-kwota nazzjonali. Din id-diskriminazzjoni tiżvaluta l-proċess demokratiku u dan billi l-voti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista qed jingħataw valur billi jittieħdu in konsiderazzjoni u l-voti ta’ ADPD qed ikunu skartati kompletament.
B’żieda ma dan, il-proċess elettorali hu mistenni li jkompli fil-ġranet li ġejjin u dan billi l-emendi kostituzzjonali tas-sena l-oħra jipprevedu li wara li jkun konkluż il-proċess ta’ bye-elections assoċjati mal-elezzjoni ġenerali, l-Kummissjoni Elettorali talloka mhux iktar minn tnax-il siġġu parlamentari addizzjonali, sitta lil kull naħa biex jonqos l-iżbilanċ tal-ġeneru fil-Parlament. Dan ser ikompli jżid il-problema ta’ rappreżentanza parlamentari billi ser iżid ir-rappreżentanza tal-partiti parlamentari u jkompli jinjora l-bqija. Il-prinċipju tal-proporzjonalità li diġa huwa applikat b’mod dgħajef se jkompli jitnawwar bħala riżultat ta’ dan.
Il-kawża kostituzzjonali hi dwar dan kollu. Qed nitolbu lill-Qorti li issib li hemm ksur ta’ diversi drittijiet  liema drittijiet huma mħarsa kemm mill-kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem. Hemm ukoll ksur tal-artiklu 3 tal-protokol numru 1 tal-Konvenzjoni Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt ta’ elezzjonijiet ħielsa.
Qegħdin nistennew rimedju kontra d-diskriminazzjoni li seħħet diġa meta l-Partit Nazzjonalista ngħata siġġijiet Parlamentari u aħna b’mod diskriminatorju ma ngħatajniex, kif ukoll protezzjoni mid-diskriminazzjoni addizzjonali li se sseħħ fil-ġranet li ġejjin meta jidħol fis-seħħ il-mekkaniżmu korrettorju dwar il-bilanċ tal-ġeneru.
Is-sistema elettorali Maltija mhiex isservi l-interessi tal-pajjiż imma biss tal-PLPN li kkapparraw ukoll l-istituzzjonijiet. Il-vot ta’ kulħadd għandu valur u jeħtieġ li jkun rispettat, mhux biss dawk tal-PLPN. Inħarsu l-voti kollha.”
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]